MaltaMedia Click Here!
Wired Malta
  A blog from the MaltaMedia Online Network  | MAIN PAGE | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT ROBERT

Saturday, February 09, 2008

Louis Briffa

Bil-Varloppa(2006) is a fascinating collection of poems and rhythmic prose pieces written between 1985 and 2005 by Maltese poet Louis Briffa. Peter Serracino Inglott writes:

…Konformi mal-perspettiva tal-poetika ġenerali ta’ l-epoka bikrija Ewro-Maltija, Louis Briffa fil-poeżiji tiegħu jipprofessa mingħajr temtim jew tlaqliq l-istess fidi ċara u ċerta ta’ l-antenati imma f’ambjent li għadda mill-fermentazzjoni kaotika tal-moderniżmu, imbagħad mill-esperjenza tal-klima iffriżata u tat-tixjin tal-post-moderniżmu.

L-espressjoni forsi l-aktar oriġinali ta’ dan ir-restawr tar-reliġjon tradizzjonali fil-kontest tal-kultura mħarbta min-nikiliżmu tinsab f’għamla ta’ poeżija li għandha bi predeċessuri tagħha l-monologi drammatiċi ta’ Robert Browning. Briffa jistħajjel l-arkanġlu Gabrijel, il-Messaġġier per eċċellenza ta’ Alla, jistaqsi lilu nnifsu kemm kien irnexxielu jittrasmettih tajjeb il-messaġġ fdat lilu.

…Forma oħra tipika tal-poeżija ta’ l-epoka bikrija Ewro-Maltija li jagħtina Briffa hija sensiela ta’ xi ħmistax-il Ħajku msejħa Frak tal-Fidi. Din hi forma Ġappuniża li għamilha popolari hawn Malta Anton Buttigieg u baqgħet tiġbed lil bosta poeti Maltin, għalkemm wisq drabi ma jkunux fidili għar-regola essenzjali tal-Ħajku… Briffa fehem sewwa n-natura tal-Ħajku u nissoponi li qabad anki r-rabta intima bejn il-forma tal-Ħajku u l-viżjoni tad-dinja tal-Buddiżmu, imma fehem ukoll li seta’ juża din il-forma sewwasew biex jagħti lemħa tixraq lil żmienna tal-ġrajja – qofol tal-Kristjaneżimu..

..Jidher li Briffa jiddedika l-aqwa sforz tiegħu lejn il-ħolqien ta’ forma li taqbel kemm jista’ jkun mal-kontenut. Irid jiżgura li ma jħalli ebda xaqq fejn jista’ jidħol xi feles li jista’ jwassal għal divorzju bejniethom… Sikwit meta Briffa jkun qed jipprova jevoka l-ispirtu tar-religjon tradizzjonali, jagħżel forom joqorbu lejn dawk ta’ dari, bħall-ballata, imma fid-dettalji, bħal ngħidu aħna l-kliem magħżul għar-rima, iħalli li tinħass l-iskumdità fil-kuntest ta’ żmienna kemm tal-forma u kemm tal-kontenut. …Imma anki l-mument qasir li jagħtik is-sentiment li d-dagħbien bejn il-bniedem u Alla jista’ jinferaq huwa grazzja ta’ l-għaġeb. Dan hu d-don tal-poeżija ta’ Louis Briffa.

Post a Comment

Links to this post:

Create a Link

<< Home