MaltaMedia Click Here!
Wired Malta
  A blog from the MaltaMedia Online Network  | MAIN PAGE | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT ROBERT

Monday, December 31, 2007

2007

Xi drabi, meta kont zghir, kont inqatta' l-lejl ta' San Silvestru taht il-kutri, nistenna nofsillejl idoqq halli nisma' l-vapuri sorguti t-tarzna u l-Port il-Kbir idoqqu s-sireni taghhom. Rari rnexxieli nismaghhom ghax ghajni kienet tmur bija.


L-ewwel darba li hrigt fil-lejl ta' San Silvestru (forsi kelli erbatax, hmistax-il sena) rajt hafna nies jemozzjonaw irwiehhom aktar ma beda joqrob l-ewwel tokk ta' nofsillejl, imbaghad, minbarra x-xampanja rajt xmara ta' dmugh u kwazi isterija li sa llum ghadni ma nafx ghala taqbad lil hafna nies f'dan il-lejl.


Ghala dan il-lejl huwa daqshekk importanti ghal hafna nies ghadni sa llum ma nistax nifhem. Ghalija jfisser il-bidu iebes ta' sena gdida, li wara hmistax festeggjamenti, ikel u nfiq bl-addocc, terga' tmur lura lejn ir-rutina mimlija dwejjaq u monotonija. Jekk xejn, l-ewwel ta' Jannar iqabbadni niket straordinarju ghax naf li mill-ghada kollox jerga' lura ghan-normal. U n-normal sar idejjaqni.


Il-lejl ta' San Silvestru jinvolvi ritwal iehor: il-memorja tas-sena li tkun qieghda tintemm. U forsi ghalhekk li hafna nies jinfexxew jibku u jolfqu.


Is-servizzi tal-media jaghtu harsa lejn is-sena li tkun ghadha kif ghaddiet, bl-ahbarijiet l-aktar tragici jokkupaw il-punti ewlenin.


Is-sena waslet biex tintemm u, sforz dan kollu, anki jien nispicca nhares fil-vojt u niftakar fil-mumenti l-aktar sinifikanti tas-sena. Fost hafna affarijiet ohra, niftakar li f'din is-sena tlift lil missieri, persunagg li ghad irid naghmel hafna kontijiet mieghu (u qieghed nahdem fuq hekk). L-esperjenza tieghi tal-mewt ta' l-gheziez kellha effett anestetiku: tarrxitli hafna mis-sentiment li l-mewt kienet tqajjem qabel.


Nipprova, dis-sena, waqt li nerga' ngib quddiem ghajnejja l-ahhar dehra hajja tal-pa, nintilef wara x-xintill tat-trikki-trakki.


Id-dwejjaq inhalluhom ghal ghada filghodu, meta l-helu jiqras u x-xorb jibda jinten.
ps Hajr lil Robert Micallef talli stedinni nibbloggjalu fuq Wired Malta. The Visit ta' Durrenmatt qatt ma dderigejtha, forsi la nohrog bil-pensjoni...

Blogger Robert Micallef said...

Grazzi hafna Manwel ta' dawn il-bloggati. Dwar Durrenmatt...ghaddew is-snin u aktarx li dejjem kelli f'mohhi li dik tkun play tajba ghal idejk. Frott l-immaginazzjoni tieghi :) 

Monday, December 31, 2007 12:51:00 PM

Post a Comment

Links to this post:

Create a Link

<< Home