MaltaMedia Click Here!
Wired Malta
  A blog from the MaltaMedia Online Network  | MAIN PAGE | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT ROBERT

Thursday, July 06, 2006

L-Imnarja żmien it-twelid

Immanuel Mifsud celebrates the birth of his new born child Kolja:

Kolja fl-aħħar iltqajna! Konna ilna ħafna nistennewk jien u ommok u fl-aħħar tfaċċajt meta ma konniex qed nistennewk. Kellek tibgħat tgħidilna li ġej ... hekk ftehimna ... imma mid-dehra ta' rasek int ukoll! Insomma, issa l-aqwa li qiegħed hawn, u għalija, flok żmien il-qtil, l-Imnarja żmien it-twelid u l-ħajja.

Hemm skoss pariri li nixtieq nagħtik, Kolja, sbejjaħ. Imma x'jiswa? Missieri kien tani ħafna imma ftit minnhom ħadt. Jien u nqaċċatlek il-kurdun ħassejtni responsabbli: kont qed naqtgħek darba għal dejjem minn ma' ommok, kont qed nagħmel dak li kelli nagħmel, kont qed nagħtik l-aħħar imbutattura lejn id-dinja.

Inħares lejk xi kultant meta tkun mitluf fid-dinja tiegħek li ma teżistix, u narak tinħasad kull ħin bla waqt. Il-qabla tan-nuċċali rqiq qaltli li dak kollu effett tal-ħasda li ħadt malli temmejt il-vjaġġ fil-kapsula. Ma nagħtikx tort li nħsadt daqshekk, għax ħa ngħiduha kif inhi, ma nafx hux lant li tterraq fuq dal-globu. Imma se nieqaf hawn: għamilt wegħda lili nnifsi li l-valenu li xrobt jien ma ngħaddihulekx. (Anki jekk x'aktarx għad jgħaddihulek ħaddieħor.)

Ma' xiex naqbad inxebbhek? Ma' warda? Ma' għasfur li għad irid jagħmel l-ewwel titjira bi ġwenħajh? Ma' mewġa żgħira li taraha ġejja lejk bil-kalma, li tasal fejnek, tmissek u ċċaqilqek bil-ħlewwa? Ma' xiex naqbad inxebbhek?..

Il-qabla tal-malju oħxon qaltli: ara, sur Immanuel, dan l-isbaħ poeżija li għamilt. Imma int mintix poeżija, Kolja. Il-poeżiji mimlijin spirtu imma ma tmisshomx. Ma tistax tmisshom anki jekk imissuk huma. Ara lilek, nista' mmissek, u xi darba, Kolja, għad ninżlu fl-ilma u narak tieħu gost. Il-poeżija ma tagħtix gost, tagħti pjaċir mgħarraq fin-niket
L-Imnarja zmien il-Qtil

Post a Comment

Links to this post:

Create a Link

<< Home