Dutch travel Journals
Dutch Prime Minister, Jan Peter Balkenende, spoke about Dutch-Malta historical relations during the launching of “Malta, from The Hague in the 18th Century – Two Dutch Travel Journals” at the Malta embassy in the Netherlands. The book is edited by Adrian Strickland:
Il-Prim Ministru Olandiż qal li kien qed jieħu gost ikun imdawwar b’nies Maltin f’pajjiżu stess. Hu stqarr li kien iħobb ħafna lil Malta u jħobb iżur pajjiżna kemm fuq xogħol u anke għall-vaganzi mal-mara u t-tifla tiegħu li tħobb ħafna Popeye Village. Aktar kmieni din is-sena hu kien f’Malta biex fetaħ l-Ambaxxata Olandiża. Il-Prim Ministru Balkenende qal li kienu japprezzaw ħafna l-klima sabieħa ta’ Malta kif ukoll l-istorja u l-kultura tagħha. It-Tempji Preistoriċi u l-bini massiv huma impressjonanti ħafna u l-istess jista’ jingħad għall-knejjes sbieħ, il-monasteri u l-fortifikazzjonijiet.
Il-Kavallieri ta’ Malta kellhom ħila kbira fil-bini tal-fortifikazzjonijiet u l-kastelli, imma bnew ukoll ġawhra bħalma hu t-Teatru Manoel u l-Sacra Infermeria, fejn il-morda kienu kkurati sew. Johan Meerman, vjaġġatur Olandiż kien għamel ħin twil fil-Kattidral tul il-Ġimgħa Mqaddsa u kien affaxxinat biċ-ċerimonji reliġjużi, għalkemm bħala Protestant ma approvax dak kollu li ra. Iżda dak iż-żmien, it-tolleranza reliġjuża fl-Ewropa ma kinitx kif inhi l-lum...Il-Prim Ministru Olandiż irrefera għal dak li kiteb Meerman li qal li għoġbitu l-belt Valletta għax fiha wieħed “isib l-Ewropa kollha fuq skala żgħira”. Mhux biss minħabba n-negozju imma anke għax il-Kavallieri kienu ġejjin minn tant pajjiżi differenti.
L-istorja ta’ Malta hi marbuta mill-qrib ma’ dik ta’ l-Ewropa u kif qal l-istoriku Norman Davies, iċ-ċiviltajiet differenti li rat Malta huma bħal “gwida fil-qosor ta’ l-Istorja Ewropea”. Il-vjaġġaturi Olandizi tas-seklu tmintax ukoll kienu affaxxinati b’Malta. Willem Hendrik van Nieuwerkerke, żamm djarju taz-zjara li kien għamel f’Malta u Għawdex fl-1778 u l-istess għamel Johan Meerman fl-1792. Dawn it-tnejn ipinġu tajjeb Malta ta’ dak iż-żmien u jiddeskrivu l-poplu tagħha bħala poplu ħawtiel u ta’ suċċess.
F’dawk iż-żminijiet, il-Kavallieri kienu għadhom importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum fuq il-gżira. Żgur li kien impressjonanti ħafna tara l-Gran Mastru fuq it-tron tal-Kattidral imdawwar bil-Kavallieri jew taraħ fiċ-ċerimonja tal-ħasil tar-riġlejn tal-foqra. Il-Prim Ministru Olandiz irrefera wkoll għal dak li kiteb Meerman li l-poplu Malti kien kuntent bil-Kavallieri. Il-Maltin kienu jħossuhom liberi u żguri. In-negozju kien ġieb il-ġid u t-toroq kienu ndaf għax il-pulizija ma kienux iħallu lil min iħammeġ..
Hu temm jgħid li din il-pubblikazzjoni ġdida hi kontribut importanti fl-istudju ta’ l-istorja ta’ Malta. Il-ktieb taż-żewġ vjaġġaturi Olandiżi jagħti ħajja lil Malta tas-Seklu 18 minn perspettiva Protestanta. Il-‘watercolours’ li hemm fil-ktieb huma verament sbieħ u din il-pubblikazzjoni għandha tappella għal ħafna nies li huma interessati f’Malta u l-istorja tagħha...







Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home